L-aħħar taħdit - Reliġjon u Ħajja


_______________________________________________________________________________________________________________________
Go to content
Jinteressak dan il-ktieb?
Agħmel kuntatt magħna!

L-AĦĦAR TAĦDIT
ma' Peter Seewald
Awtur: Benedittu XVI
Kategorija: Fidi
Numru ISBN: 978-99957-3-072-7
Format: Qoxra rabta
Qjies: 210x140mm
Paġni: 344
Sena: 2017
Prezz: €12.00

Dwar dan il-ktieb:

Int u taqra l-ktieb ta’ Benedittu XVI ‘L-Aħħar Taħdit ma’ Peter Seewald’ (Reliġjon u Ħajja Fidi 37/279 Franġiskani Konventwali Malta 2017) jolqtok id-daħk tal-Papa Emeritu. Il-ktieb għandu forma ta’ intervista li Seewald ittraskriva fedelment minn numru ta’ laqgħat li kellu ma’ Benedittu fuq medda ta’ 10-12-il siegħa, kemm qabel u wara r-riżenja storika ta’ Frar 2013.

Fil-fatt il-kelma ‘jidħak’, jew varjazzjonijiet tagħha, tidher 50 darba fil-parentesi fil-ktieb. Għal min forsi kellu l-idea li Benedittu huwa bniedem awster, fil-fatt wieħed mil-laqmijiet tiegħu meta kien Prefett tal-Kongregazzjoni tal-Fidi kien ‘panzerkardinal’, dawn il-parentesi huma l-iktar ħaġa sorprendenti f’dan il-ktieb. Però għal min imdorri jaqra l-kitbiet tiegħu, kemm bħala Joseph Ratzinger u imbagħad bħala Benedittu XVI din mhijiex xi ħaġa kompletament ġdida għaliex il-kelma ‘ferħ’ tidher ta’ spiss fil-kitbiet tiegħu speċjalment meta marbuta mal-esperjenza ta’ relazzjoni ma’ Kristu.

Min qed ifittex trattati teoloġiċi fl-istil ta’ kif aħna mdorrijin naqraw mill-pinna tiegħu ser ikun iddiżappuntat. Però min jirriduċi dan l-aħħar volum għal dan ‘in-nuqqas’ ikun qed jitlef ħafna mill-kariżma ta’ Benedittu, xi ħaġa li hu jgħid li m’għandux meta ġie mistoqsi għax ma ħax l-isem ta’ Ġwanni Pawlu III wara li ġie elett papa. Il-kariżma ta’ Benedittu XVI ma tinsabx fl-allegrija storbjuża jew f’ġesti eżuberanti imma fil-qawwa tal-kwiet tiegħu.

Dan huwa r-raba’, u forsi l-aħħar ktieb ta’ kollaborazzjoni bejn Seewald u Ratzinger/Benedittu f’dawn l-aħħar 25 sena. Forsi għalhekk jidher li għal Seewald kienet faċli li jagħmillu diversi mistoqsijiet diffiċli. Dan l-aħħar volum huwa dokument uniku għaliex għall-ewwel darba fl-istorja tal-Knisja, għandna evalwazzjoni ta’ pontifikat minn papa stess u mhux mil-lenti, xi kultant mgħawġa jew preġudikata, tal-midja, speċjalment dik sekulari. Madanakollu Benedittu XVI stess jgħid fil-ktieb li ma xtaqx jagħti hu “l-aħħar kelma” fuq ħajtu u l-pontifikat tiegħu. Fil-fatt l-unika kundizzjoni li għamel lil Seewald kienet li l-Papa Franġisku jagħti l-kunsens tiegħu għal dan il-ktieb.
 
Benedittu wieġeb il-mistoqsijiet b’mod dirett mingħajr tlaqlieq u għalhekk huma diżarmanti fl-onestà tagħhom.  Għal teologu u professur tal-kalibru tiegħu, il-kliem għandhom valur u Benedittu jużahom b’reqqa u b’attenzjoni kbira. Il-ġmiel tat-tweġibiet, anki dawk li forsi jidhru mondani bħal “pitazz, pitazz tajjeb” meta ġie mistoqsi xi tħalla jieħu miegħu meta ttieħed il-ħabs mis-suldati Amerikani qabel ma ntemmet it-Tieni Gwerra Dinjija, jixhdu li l-imħabba għall-kitba dejjem kienet ġo fih. M’għadux jikteb ħlief xi noti personali li beħsiebu “jarmi” għax inkella jkunu “ikel għall-istoriċi” u l-omelija tal-Ħadd lin-nies li jieħdu ħsiebu fil-monasteru fejn jgħix.

L-iktar affarijiet ta’ skoperta kbira mhumiex dawk li għandhom x’jaqsmu ma’ aspetti pubbliċi ta’ ħajtu, bħalma ngħidu aħna, meta kien professur, isqof, prefett, u papa imma ġrajjiet mill-ħajja privata tiegħu. Benedittu huwa bniedem riżervat allura ħafna dettalji ma kinux magħrufa. Tant hu riżervat illi wara 25 sena ta’ rabta professjonali li mbagħad żviluppat fi ħbiberija mill-qrib, Seewald skopra issa, permezz ta’ dawn l-intervisti, illi Benedittu bilkemm għadu jara mill-għajn tax-xellug. Dettal ħelu huwa meta hu u sħabu tal-kummissjoni tat-teologi fi żmien il-Konċilju Vatikan II kienu “ta’ sikwit inlegilgu fi Trastevere”. Hawn Seewald qisu ma jridx jemmen lil widnejh u staqsih: “Tlegilgu?” (‘Il-Papa jidħak jgħajjat’, jikteb Seewald hawn). Qisu nesa li Benedittu wild il-Bavarja!
 
Wara li taqra mqar erba’ jew ħames paġni ta’ dan il-ktieb tiskanta b’liema umiltà u sempliċità l-Papa Emeritu jwieġeb għall-mistoqsijiet, anki dawk skomdi. Tħossu qisu qiegħed jitħaddet miegħek u tisimgħu jidħak jew jibki, għax hemm drabi fejn beka jew jinkiser leħnu bl-emozzjoni. Altru hux bniedem kiesaħ u bla emozzjoni. L-umanità tiegħu żżarmak bħal meta ammetta li ma kinitx xi ħaġa awtomatika li jsir qassis. Joseph Ratzinger kien żgħażugħ attraenti li kien jikteb il-poeżiji, jaqra Hermann Hesse, iħobb it-teatru u l-mużika. Kellu effett fuq is-sess femminili u huma kellhom effett fuqu u minħabba f’hekk jalludi illi ma kinitx deċiżjoni faċli li jsir qassis, għalkemm jgħid li ħass li l-Mulej ried xi ħaġa mingħandu u seta’ jwettaqha biss jekk isir saċerdot.
 
Iwieġeb il-mistoqsijiet b’onestà kbira, speċjalment fis-sezzjoni ‘Fallimenti u problemi’ li titratta dwar xi aspetti tal-pontifikat tiegħu bħal Vatileaks u l-akkuża falza ta’ anti-Semitiżmu, u tal-abbużi, mingħajr ma joqgħod jirranġa t-tweġibiet bħal ma jagħmlu l-politiċi meta jridu jpoġġi lilhom infushom f’dawl aħjar.
 
Għalkemm il-ktieb huwa mimli u mżewwaq bi stejjer u anedotti interessanti fuq ħajtu u l-pontifikat tiegħu, l-isbaħ passaġġi huma meta tagħrif biografiku jitfa’ dawl fuq temi profondi dwar il-ħajja, il-fidi, u l-eskatoloġija. Hawnhekk tinsab l-essenza u l-kariżma ta’ Benedittu. Il-ħila kbira tiegħu, li narawha wkoll fil-kitbiet teoloġiċi kbar, hija l-kapaċità li jsarraf temi vasti f’tant ċarezza u kliem sempliċi imma profondi ta’ ruħ li hi kollha kemm hi ta’ Kristu. Skont ir-Rebbieħ tal-Premju Nobel, Mario Vargas, Benedittu huwa wieħed mill-intellettwali kbar ta’ kull żmien. Il-Kardinal Joachim Meisner isejjaħ lil Benedittu bħala “il-Mozart tat-Teoloġija”. Iżda meta Seewald isaqsi lil Benedittu jekk iqisx lilu nnifsu bħala “imdawwal”, il-Papa Emeritu jidħak u jwieġeb “Le, Le [jidħak] le” għax għalih li tqis lilek infissek bħala ‘imdawwal’ hija xi ħaġa “elitista”. Benedittu jgħid li huwa “Nisrani normali” li dejjem fittex qabel kollox biex ikun ragħaj u mhux papa/professur.
 
U għalhekk dan il-volum jista’ jitqies bħala n-Nunc Dimittis ta’ Benedittu. F’għeluq id-90 sena tiegħu preċiżament fl-Għid Imqaddes, nista’ naraw li Benedittu jinsab f’paċi miegħu nnifsu u mal-Mulej, m’hemmx traċċi ta’ mrar lejn ħadd u xejn. L-uniku dispjaċir li għandu, jgħid, hu li seta’ ttratta xi nies aħjar. Sentiment ġeneruż għall-aħħar meta tqis kemm bata minħabba x-xogħol li ġie fdat f’idejh u kif ħaddieħor tratta lilu, nażżarda ngħid.

Benedittu jgħid li ma kienx palatur tajjeb meta poġġew pala f’idejh biex iħaffer fl-għelieqi fi żmien il-gwerra imma ċertament, bid-doni li tpoġġew f’idejh, kien u għadu qaddej fidil u sempliċi fl-għalqa tal-Mulej.

Alessandra Dee Crespo
Daħla

L-Ewwel Taqsima — Il-Qniepen ta’ Ruma
Jiem ta’ skiet f’Mater Ecclesiae
Ir-riżenja
“M’iniex sa mmur lil hemm mis-salib”

It-Tieni Taqsima — L-Istorja ta’ Qaddej
Dar missieru u tfulitu
Il-gwerra
Student, Viċi Kappillan u Lettur
Teologu fil-bidu u teologu brillanti
Il-Konċilju – ħolma u trawma
Professur u Isqof
Prefett

It-Tielet Taqsima — Il-Papa ta’ Ġesù
U f’daqqa waħda Papa
Aspetti tal-pontifikat
Vjaġġi u laqgħat
Fallimenti u problemi
Resumè

Dati bijografiċi
Back to content