Alexander Bonnici - Reliġjon u Ħajja


_______________________________________________________________________________________________________________________
Go to content
Pubblikazzjonijiet:
ALEXANDER BONNCI
Biex nagħtu tagħrif bijografiku dwar Patri Alessandru Bonnici ħsibna li ninqdew bl-istess kliem tiegħu f'awtobijografija li huwa kien ħejja fl-1999, seba' snin qabel ma' miet. Dan huwa kliemu...
Jiena, Patri Alexander Bonnici, twelidt fit-28 ta' Jannar 1936, fl-Isptar Ċentrali tal-Furjana, meta l-ġenituri tiegħi kienu joqogħdu Bormla. L-isem mogħti lili fil-magħmudija kien dak ta' Pawlu. Kelli l-edukazzjoni primarja tiegħi fiż-żmien diffiċili tal-gwerra wara li ġġarrfitilna d-dar fl-Imsida. Għalhekk, fi żmien qasir għaddejna għal Birkirkara, Kerċem (Għawdex), u r-Raħal il-Ġdid, sakemm waqafna f'Tas-Sliema. Fl-1948, dħalt fis-Seminarju Arċiveskovili, il-Furjana, u għaddejt hemm tliet snin (1948-1951). Jiena, fi żmien meta minn Tas-Sliema għaddejna għall-Gżira, kelli nħalli l-iskola u ntfajt fuq xogħol materjali biex ngħin lill-familja tiegħi li kienet tgħix fil-faqar. It-tliet ħuti li kelli kienu kollha bniet, u jiena kont il-kbir.
Li kieku ma kienx missieri Salvu, ma kontx naħseb iżjed fil-vokazzjoni ta' saċerdot. Bl-inkoraġġiment ta' Patri Danjel Portelli, fl-14 ta' Ottubru 1952, jiena dħalt fost il-postulanti tal-Franġiskani Konventwali, fir-Rabat. Il-patri li għenni nidħol miet fi żmien xahar. Wara sentejn postulandat, fid-29 ta' Awwissu 1954, jiena bdejt in-novizzjat fil-kunvent ta' San Franġisk, f'Victorja (Għawdex). Ismi nbidel f'dak ta' Alessandru. Il-professjoni temporanja tiegħi bħala Franġiskan saret fl-4 ta' Settembru 1955. Għaddejt, imbagħad, tliet snin f'Malta (1955-1958), ir-Rabat u l-Belt, fi studju ta' Letterattura u Filosofija. Fl-14 ta' Settembru 1958, ħaddant l-Ordni Franġiskan b'mod definittiv permezz tal-Professjoni Solenni f'San Franġisk tal-Belt Valletta.
Jiena nħossni infinitament grat lejn Patri Piju Mamo, il-Ministru Provinċjal ta' dak iż-żmien, li ħa d-deċiżjoni li jibgħatni nistudja Ruma. Wasalt Ruma fid-9 ta' Ottubru 1958: dakinhar tal-mewt tal-Papa Piju XII. Temmejt il-kors tal-Filosofija fl-Università Gregoriana (1958-1959) billi ksibt il-grad akkademiku tal-Baċċellerat. Imma l-kors akkademiku tat-Teoloġija għamiltu fil-Fakoltà Pontifiċja San Bonaventura li hi tal-Ordni tiegħi tal-Franġiskani Konventwali (1959-1963). Tul il-kors, ksibt il-Baċċellerat (1961) u l-Liċenzjat fit-Teoloġija (1963). L-isbaħ jum ta' ħajti kien is-17 ta' Frar 1963, meta Mons. Vittorio Costantini (eks Ministru Ġenerali tal-Ordni), ikkonsagrani saċerdot fil-Bażilka Santi XII Apostoli ta' Ruma.
Li kieku kellu jiddependi minni, jiena xtaqt nispeċjalizza fis-Soċjoloġija. Imma l-Ministru Provinċjal tiegħi, Patri Alfons Sammut, saħaq miegħi li għandi nistudja l-Istorja tal-Knisja. Biż-żmien, rajt kemm dak l-att ta' ubbidjanza kien providenzjali. Il-Ministru Provinċjal aċċetta l-proposta tiegħi li l-Istorja nistudjaha fl-Università Kattolika ta' Fribourg fl-Iżvizzra. Jiena mort l-Iżvizzra fil-bidu ta' Ottubru 1963. Imma malajr indimt għax il-kors ma kienx dak li stennejt, u għalhekk tlaqt minnufih lejn Ruma. Erġajt mort nistudja fl-Università Gregoriana fejn għamilt il-kors sħiħ li wassalni għal-Liċenzjat (1995), u mbagħad għad-Dottorat fl-Istorja meta fis-6 ta' Ġunju 1967 iddefendejt it-teżi 'Christian Life in Malta in the Light of Inquisition Trials during the period of Anthony Pignatelli, General Inquisitor and Apostolic Delegate'. Kont bdejt induq l-Arkivji ta' Ruma, Palermo, Napli u Malta, u nfittex materjal dwar l-Inkwiżizzjoni.
Kif ġejt lura Malta, flimkien ma' oħrajn li fl-ewwel żmien għenuni, tajt bidu għal dar editriċi ċkejkna li sejjaħtilha Reliġjon u Ħajja. Mill-1967 sal-bidu tal-1999 ħarġu 138 ktieb. Fis-sena 1967, il-Ministru Ġeneral tiegħi, P. Basil Heiser, ħajjarni mmur ngħallem l-Italja. L-ewwel proposta kienet għal Assisi, u mbagħad inbidlet għal Ruma, fil-Fakoltà Teoloġika tal-Ordni tiegħi fejn qgħadt bejn l-1967 u l-1969. Hemm għallimt l-Istorja tal-Knisja u l-Patroloġija. Imma malajr tlabt biex nerġa' lura lejn Malta, fejn diġà kien hawn min kien qed jitlobni biex nikteb xi kotba dwar l-Istorja tal-Knisja. F'Malta, bdejt ngħallem l-istess suġġetti ta' Ruma fl-Inserm, li kien għadu qed jitwaqqaf, u bqajt ngħallem għat-tul ta' 25 sena, sakemm damu jsiru l-korsijiet tat-Teoloġija għall-istudenti reliġjużi. Fl-ewwel żmien tiegħi f'Malta, irrinunzjajt milli nidħol ngħallem fl-Università Rjali ta' Malta, kif kien qed iħajjarni l-Professur P. Andrew Vella; imma ġie li għallimt xi kors fil-Fakoltà tat-Teoloġija u ġie li tajt xi lezzjonijiet ta' storja fl-Università ta' Malta. L-inklinazzjoni qawwija tiegħi kienet għar-riċerka.
Xi kapitli tat-teżi tad-Dottorat kienu stampati f'rivisti b'dokumentazzjoni, bħalma huma 'Melita Historica', 'Maltese Folklore Review', 'Melita Theologica' u 'Hyphen'. Imma kienet is-Soċjetà tad-Duttrina Nisranija (MUSEUM) li, minn meta kont għadni Ruma, talbitni nikteb Storja tal-Knisja sħiħa. Jiena aċċettajt, u fassaltha f'sittax-il volum li ħarġu bejn l-1969 u l-1984. Magħhom għaqqadt erba' volumi ta' Patroloġija (stampati bejn l-1974 u l-1978) u wieħed bit-titlu 'Malta Kattolka fil-ħajja mqallba tas-Seklu XX' (1979).
Id-dottorat fl-Istorja baqa' rari u d-dedikazzjoni għar-riċerka hi wkoll iżjed rari. Għalhekk, bdejt inkun imfittex bla waqfien biex nagħti s-sehem tiegħi. Ma nsemmix l-artikli f'ġurnali u rivisti, jew il-programmi fuq stazzjonijiet tar-Radju, għax dawn kienu mijiet u mijiet. L-akbar importanza dejjem tajtha lill-kotba. Sakemm kien possibbli, jien tajt is-sehem tiegħi f'ħidmiet tal-provinċja tiegħi tal-Franġiskani Konventwali, kemm b'servizz fid-Definitorju Provinċjali (1974-1977) kif ukoll bħala superjur lokali fir-Rabat (1977-1983, 1992-1995). Iż-żmien kompla jurini li jiena kelli nkun ta' servizz għall-Knisja ta' Malta bil-pubblikazzjonijiet ta' kotba.
Iż-żmien għaddej u kbirt fl-età. Madankollu, kemm proposti min-naħa ta' oħrajn kif ukoll proġetti min-naħa tiegħi hemm tassew ħafna. Bil-għajnuna tal-Mulej, bil-kollaborazzjoni ta' min jixtieq xi ħaġa mingħandi, u bis-saħħa fiżika u mentali li jkolli, nibqa' miexi 'l quddiem.
Fr. Alexander Bonnici OFM Conv.
31 ta' Jannar 1999
Minn meta temm din l-awtobijografija P. Alessandru baqa' jaħdem bla heda u jippubblika l-kotba sal-25 ta' Lulju 2006 meta miet hesrem waqt li kien fi btala fit-Tuneżija. Il-ħidma monumentali tiegħu iżda kompliet miċ-Ċentru Animazzjoni u Komunikazzjoni (ĊAK) u d-Dar Editriċi li waqqaf baqgħet għaddejja bil-ħidma tagħha.
Back to content